Hard Talk

Alice Taylor tiltaqa’ ma’ Ivan Bartolo, kandidat fuq id-9 distrett, imprenditur, negozjant u viżjonarju.

Ivan inti magħruf bħala persuna li għamlet success fin-negozju, li beda mix-xejn u wasal safejn hu llum. X’inhu s-sors ewlieni tal-ġid tiegħek?

Is-suċċess hu estremament suġġettiv u hu xi ħaġa li tinkiseb biss bil-Grazzja t’Alla. Meta kelli 18-il sena, fl-1983, kont naħdem bħala delivery person, kont ngħabbi l-vann tiegħi kull filgħodu, indur ma’ Malta u naqla’ mhux aktar mill-paga minima. L-ass ewlieni tiegħi kienet l-imħabba tiegħi lejn it-teknoloġija, l-għatx li kelli għall-progress u l-passjoni tiegħi biex nagħmel suċċess. Minn dejjem kelli interess fit-teknoloġija u ladarba indunajt li dan kien settur li kellu l-potenzjal ibiddel kull lat tas-soċjetà tagħna qatt ma ħarist lura. Il-ġid tiegħi hu xi ħaġa li żviluppajt għalija nnifsi permezz ta’ xogħol iebes, dedikazzjoni, innovazzjoni u mingħajr dubju l-appoġġ ma jaqta qatt li għandi x-xorti li għandi mingħand marti, Marthese.

Kwistjoni li taħraq li hemm bħalissa fil-politika li l-perċezzjoni ta’ nepotiżmu fl-għoti ta’ kuntratti tal-gvern lill-ħbieb u nies li għandhom rabtiet mal-gvern. Int jew il-kumpannija tiegħek 6PM jew is-sussidarji tagħha qatt ingħatajtu kuntratt tal-gvern?

Kuntrarju għal ħafna nies fil-poter, jien kburi ngħid, u Alla hu xhud ta’ dan, li la jien u lanqas in-negozju tiegħi ma ibbenfikajnta minn kuntratt tal-gvern. Qatt ma ħassejt li kelli bżonn nitlob favuri. Dejjem kont jien li soqt u mexxejt is-suċċess tiegħi. Fl-imgħoddi żammejt ‘il bogħod mill-politiċi. Aktar minn hekk nemmen li r-rwol ta’ politiku hu li jservi c-cittadini kollha b’mod ugwali u mhux li jipprovdi klima għall-progress ta’ ftit.

X’inhi r-rabta tiegħek ma’ Żaren Vassallo?

L-ewwel darba li ltqajt ma’ Żaren Vassallo kien f’Novembru tal-2010 meta s-6PM kienet se toħroġ ishma għall-bejgħ. Żaren kien wieħed minn ħames investituri strateġiċi li kont iltqajt u tkellimt magħhom. Lil Żaren kien għoġbu l-viżjoni li kelli għas-6PM fis-settur tas-saħħa u permezz tal-Grupp Vassallo hu ddeċieda li jinvesti fis-6PM. Wara dan, f’Mejju jew Ġunju tal-2011, Żaren sar iċ-Chairman tal-Grupp 6PM.

Nexia BT hu isem li smajna ħafna dwaru minħabba l-iskandli li seħħew taħt il-leġislatura preżenti. Korretta jekk ngħid li huma kienu l-awdituri tas-6PM u x’inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ Brian Tonna?

Personalment ilni naf lil Brian Tonna minn meta konna żgħażagħ — xi ħaġa li ma’ kelliex x’taqsm mad-deċiżjoni kummerċjali li ħadt aktar tard. Ftit taż-żmien ilu għaddejt ir-responsabbiltà tal-auditing tas-6PM lil Nexia BT. Bħala awdituri qabel kelli lil Deloitte. Minn dak iż-żmien ħdimt ma’ żewġ partners ta’ Nexia BT, wieħed responsabbli għall-awditjar u l-ieġor responsabbli għas-servizzi ta’ konsulenza. Minn dejjem għamlu xogħol eċċellenti, onest u taw servizz effiċjenti u m’għandi ebda kritika f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjoni kummerċjali tagħna.

Għandek xi trust jew struttura fiskali barranija?

Le assolutament xejn. Kif diġà għidt, nemmen li l-politiċi huma qaddeja tal-poplu u l-pajjiz u għalhekk għandhom ikunu kompletament trasparenti u dedikati kontinwament. Nemmen li m’għandux ikun hemm konflitt ta’ interess preżenti jew potenzjali bejn id-dover ta’ politiku u l-ħajja privata tiegħu. Għal din ir-raġuni m’iniex involut fi trusts jew strutturi fiskali barranin.

Jekk tkun elett, ikollok tissottometti dikjarazzjonijiet ta’ dħul u tagħmel stqarrija tal-assi tiegħi. Tħossok komdu tagħmel dan? Temmen li għandu jkun żvelat kollox?

Il-kunċett innifsu ta’ uffiċċju pubblikku hu li int trid tkun lest li tkun taħt skrutinju strett f’kull ħin. Ikun mistenni minnek li tmexxi l-affarijiet ‘il quddiem, tkun ix-xempju tat-trasparenza u trid tmexxija kull aspett tal-ħidma tiegħek b’integrità. M’għandi ebda problema niddikara l-assi, l-obbligi u d-dħul tiegħi. Jien nemmen li kollox għandu jkun żvelat, speċjalment jekk tkun uffiċjal pubbliku u biex ngħidlek il-verità, li kieku ma’ kont kuntent b’xi ħaġa minn dawn ma kontx nikkunsidra nidħol fl-isfera politika.

F’liema Ministeru taħseb li tkun kapaċi tagħmel l-aħjar kontribut? U x’inhuma n-nuqqasijiet speċifiċi li taħseb li għandu l-individwu li jokkupa din il-pożizzjoni bħalissa?

Mhix mistoqsija ħafifa għaliex nibża li kwalunkwe tweġiba se nagħti tista’ tkun kunsidrata bħala arroganti. Fl-istess ħin nemmen li bl-esperjenza li għandi nista’ nadatta lili nnifsi għal kull Ministeru li nista’ nkun offrut li nservi. Jien kburi bl-ispirtu imprenditorjali li għandi, il-passjoni li għandi għall-bidla, u kapaċità viżjonarja li tgħini napplika lili nnifsi fi kwalunkwe ministeru. Permezz tax-xogħol tiegħi għandi passjoni ovvja favur is-saħħa u l-ekonomija iżda hi l-ħolma tiegħi li nkun parti mit-twaqqif ta’ ministeru ġdid, il-Ministeru ta’ Malta Diġitali. Tant hemm affarijiet li nistgħu nagħmlu fil-qasam tad-diġitizazzjoni, il-konnettività u t-teknoloġija u nemmen li dan hu l-futur ta’ kif Malta taħdem internament u fis-seheme tagħha fl-ekonomija globali. Naf li jekk ningħata l-opportunità immexxi kwalunkwe Ministeru billi nuża l-expertise agile fejn iċ-ċentru tal-ħidma tkun biex nagħti l-benefiċċju massimu lill-poplu Malti.

Xi jġiegħlek taħseb li tista’ tikkompeti kontra kandidati li kienu diġà eletti fil-passat?

Jekk b’kompetittività trid tfisser popolarità, il-brand politika u l-esperjenza politika, mela jien mhux se nkun ta’ kompetizzjoni għalihom għaliex jien bdejt ninvolvi lili nnifsi fil-politika fi Frar tal-2017 (ta’ din is-sena). Madankollu wieħed għandu jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq lil min se jivvota mhux għal dak il-kandidat li għandu slogan tajba, jew li għandu xi grafika disinjata b’mod għaqli jew għax għandu website teknoloġikament tajba. Id-deċiżjoni għandha tkun bażata fuq il-viżjoni, l-ideat, l-istrateġiji u l-innovazzjoni. Għandna bżonn gvern ġdid, uċuħ ġodda, ideat ġodda u viżjoni ġdida. Għal din ir-raġuni nemmen li nista’ nikkompeti kontra kandidati li kienu diġà eletti fil-passat. Jekk min-naħa qed issaqsi jekk inix kapaċi nġib ir-riżultati jekk ningħata l-opportunità nemmen li jien kapaċi u l-akbar ass favur tiegħi hu li l-mantra tiegħi hi sempliċi — idħol fil-politika biex tbiddilha u itlaq meta tħoss li l-istess politika qed tbiddlek.

Ivan, int imprenditur li għamilt suċċes — ma tħossx li l-istil tal-ħajja tiegħek jista’ jkun li biegħdek mill-votant tipiku Malti?

Jien trabbejt fir-raħal żgħir tal-Imqabba u emminni kellu trobbija umli. Wieħed mis-sigrieti tas-suċċessi tiegħi hu li jien qatt ma nsejt l-għeruq tiegħi u minn fejn tlaqt, xi ħaġa li jien kburi biha ħafna. Bdejt mill-għeruq tiegħi tar-raħal, bdejt bħala delivery person u komplejt nikber sakemm sirt negozjant ta’ suċċess. It-triq mhux dejjem kienet faċli iżda ma qtajt qalbi u komplejt għaddej bil-ħidma tiegħi li wasslitni fejn jien illum. Nemmen li kulħadd f’Malta għandu l-opportunità li jagħmel suċċess. Kollha għandna bżonn noħolmu kbir, ilkoll għandna nrawmu l-ambizzjonijet tagħna, lkoll irridu nkomplu nitgħallmu tul il-ħajja tagħna u nħarsu lejn il-gvern biex jappoġġja l-miri tagħna. Aħna s-sidien tad-destinazzjoni tagħna u permezz tal-perseveranza nistgħu ngawdu s-suċċess ta’ dak li nagħżlu. Nemmen li nista’ nirrelata dan ma’ kull Malti — ħdimt bil-paga minima, ħidmt f’diversi impjiegi, fallejt u erġajt bdejt. Inħoss li nista’ niddentifika ma’ kulħadd għaliex irrid l-istess ħaġa bħal ħaddieħor — gvern li joħloq il-ġid, l-impjiegi, is-sigurtà, it-tkabbir ekonomiku, l-opportunitajiet u s-serħan tal-moħħ. Dawn mhux ħolm biss tas-sinjuri.

Il-Partit Laburista kien imfaħħar mill-komunità internazzjonali għax-xogħol progressiv li wettaq fil-qasam tad-drittijiet tal-gays, fis-saħħa riproduttiva tan-nisa, fid-drittijiet tas-sess u miżuri ohra ta’ tolleranza — int temmen fihom?

Fid-dawl tal-kriżijiet vari u skandli marbuta mal-gvern Laburista fl-aħħar erba’ snin, nemmen li l-partit uża dawn is-suġġetti delikati biex jikseb l-appoġġ u l-voti fejn qabel ma kienx isibhom. Għalihom dan hu atteġġjament diżonest. Personalment l-opinjoni tiegħi hi li l-gvern għandu jkun hemm biex jiżviluppa politika u qafas li jipprovdi pajsaġġ soċjali xieraq u li jirrifletti r-rieda tal-poplu. Kemm-il darba għidt u nerġa nirrepetiha hafna li l-politiku qiegħed hemm bies iservi lill-elettorat u hemm żmien fejn wieħed irid jiffoka fuq dak li hu l-aħjar għall-pajjiz u għaċ-ċittadini tiegħu. Għandna nkunu reattivi u nirrispondu għal dak li jrid il-poplu Malti. Jeħtieġ noħolqu qafas li jinkludi l-edukazzjoni u t-trasferiment tal-għerf biex nassiguraw li n-nies ikkonċernati jkunu mġejjija bl-informazzjoni li għandhom bżonn biex jagħmlu deċiżjonijiet informati u għaqlija.

Taħseb li l-PN għandu bżonn ħames snin oħra fl-Oppożizzjoni biex jirkupra?

Nemmen bis-sħiħ li l-aħjar ħaġa li setgħet isseħħ għall-Partit Nazzjonali kienet it-telf tal-elezzjoni tal-2008. Madankollu l-pajjiż issa daq xi ħaġa ġdida u din ma rnexxietx. Wasal iż-żmien li jkollna partit li fil-qalba tal-viżjoni tiegħu għandu l-poplu Malti. Nemmen li l-PN kellu bżonn ma jibqax fil-gern għaliex kellu bżonn iwettaq bidla interna, kellu bżonn jerġa jivvinta lilu nnifsu, kellu bżonn ta’ ristruttura u enerġizzjoni ġdida. Nemmen li dan kollu issa twettaq u aktar importanti minn hemm nemmen li ma nistgħux nirriskjaw ir-reputazzjoni ta’ Malta, il-futur tagħha u l-ekonomija billi nippermettu lill-gvern preżenti jibqa’ fil-poter.

Hu ċar li n-numruu ta’ dokumenti li ppreżenta l-PN bi proposti, l-ideat ġodda u l-uċuħ ġodda li għandu huma sinjal li l-PN hu lest biex jieħu azzjoni. Nemmen li l-mexxej tal-PN kien kapaċi jgħaqqad l-antik mal-ġdid u ħoloq bilanċ bejn it-tindif u r-ristruttura. Il-PN li qed tara llum hu progressiv, bil-qafas tiegħu jkunu n-nies, hu partit innovattiv bi strateġiji li l-miri tagħhom huma li jgħinu lil Malta fil-mixja tagħhha lejn triq oħra ta’ suċċess. Kif uriet l-aħħar kampanja Ġbir ta’ Fondi, hu ċar li l-PN reġa’ ingħaqad, sar aktar żgħażugġ u hu lest biex jiggverna.

Il-PN għandu żbilanċ ta’ 36,000 vot x’jiffaċċja. X’taħseb li wassal għal dan l-iżbilanċ? Il-PN tgħallem il-lezzjoni li kellu jitgħallem?

Naħseb li hemm diversi fatturi li wasslu għad-differenza ta’ 36,000 vot. Uħud minnhom kienu:-

Il-poplu Malti kien ilu jara l-istess affarijiet għal żmien twil u l-maġġoranza (b’mod speċjali ż-żgħażagħ) riedu jesperjenza xi ħaġa ġdida u viżjoni ġdida.

Il-PN kien għejja b’mod serju u kellu bżonn il-ħin biex jinġabar f’qoxortu biex jinbena mill-ġdid.

Min-naħa l-ohra, iżda din hi strettament l-opinjoni tiegħi, il-PN kien qed jipprova jġib bidla fil-politika u dixxipina fil-pajjiż mingħajd ma kien qed jikkunsidra l-problemi u t-tradizzjonijiet kulturali tal-pajjiz.

Ovvjament rajna r-riżultat diżastruż tar-rebħa elettorali li għamel il-PL fl-2013 iżda għadu mhux tard wisq biex l-affarijiet jinbidlu. Il-PN hu lest u kapaċi jidħol u jibda jmexxi lil Malta kif jixraq — bl-onestà, it-trasparena, l-effiċjenza u viżjoni.

Kemm tajt flus lill-PN?

Fl-aħħar 10 snin id-donazzjonijiet tiegħi ma kienux ilaħħqu aktar minn 15,000 ewro. L-aħħar donazzjoni li għamilt lill-partit kien fi Frar 2017 u kienet ta’ 500 ewro.

Ħafna jemmnu li l-PN hu mifrux internament. X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar dan?

Għalkemm illum kburi ngħid li nifforma parti mill-PN, għadni ġdid u għalhekk m’għandix opinjoni reali dwar xi diviżjonijiet. Iżda għandu perċezzjoni.

Ma nemminx li l-partit hu maqsum. Nemmen li l-partit hu magħmul minn ħafna nies differenti ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja u għalhekk faċli li minn barra l-partit jidher maqsum. Fil-fatt il-partit mhux maqsum iżda hu sinjur minħabba d-diversità li hemm fi ħdanu, diversità li tirrifletti s-soċjetà Maltija llum. Għalhekk il-mostoqsija mhix dwar xi diviżjoni imma tolleranza. It-tolleranza tiġi f’kull daqs u għamla minħaba l-aftti tal-ħajja u l-aġendas personali. Nemme bis-sħiħ li kull lat tal-pajjiż tagħna u l-komunitajiet huma rappreżentati fil-PN, xi ħaġa li lili tagħmilni kburi u tassigurani li nistgħu niggvernaw lil Malta bl-aktar mod effettiv — ħafna aktar mir-rivali tagħna.

Temmen li Simon Busuttil għandu l-istaturi biex isir Prim Ministru?

Iva m’għandix dubju dwar dan. Li kieku ma kontx nemmen dan jew ma kellix fiduċja fil-kapaċitajiet tiegħu, ma kontx nikkontesta din l-elezzjoni. Nemmen li kull pajjiż li jagħmel suċċess, kull partit u kumpanija jeħtieġu mexxej li hu b’saħħtu, onest u jkun mexxej kariżmatiku. Jien inħobb lil Malta u mhux se npoġġi lill-pajjiż f’periklu għal xi ħadd li ma nemminx li hu kapaċi jmexxi. Għaliex nemmen dan kollu? Simon ħalla waraj ħajja aħjar biex ikun jista’ jagħmel dak li qed jagħmel illum. Hu persuna li jagħti kas aktar dak li għandhom bżonn in-nies milli jara biss l-interessi tiegħu għalhekk għandu l-attributi ġusti biex isir Prim Ministru.

Bħala imprenditur, taqbel li l-ekonomija kibret fl-aħħar erba’ snin? X’jista jagħmel il-PN differenti mill-Partit Laburista f’dan il-qasam?

Dak li tiżra taħsad . Minn meta Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea Malta żergħet ħafna u fl-aħħar erba’ snin ħasdet il-benefiċċji. Issa, joseph Muscat u l-magna eċċellenti li għandu tal-media jriduna nemmnu li Malta ħasdet dak li ħasdet fl-aħħar erba’ snin għaliex il-PL kien fil-gvern. Dan mhux il-kas — is-suċċess li qed tgawdi Malta bħalissa hu dovut għaż-żerriegħa li nżergġet mill-gvern immexxi mill-PN fis-snin qabel il-PL ħa l-poter. Biex inkomplu nkabbru dan is-suċċess jeħtieġ li l-PN jerġa jingħata l-poter u b’hekk ikompli l-ħidma tajba li kien beda fis-snin ta’ qabel.

Fl-aħħar erba’ snin, l-ekonomija mxiet waħidha u kulħadd gawda. Jinkwetani li fl-aħħar erba’ snin il-gvern immexxi mill-PL m’għamel xejn biex:

· Jitratta l-frott li għad irid jimmatutra — eż Brexit

· Biex jiżra kunċetti ġodda u jfassal strateġija li tassigura suċċess ekonomiku li jmur ‘il hemm mill-industrija preżenti.

Għalhekk filwaqt li nammetti li l-ekonomija kienet tajba fl-aħħar erba’ snin, ma naqbilx ma dak li l-PL irid li l-poplu jemmen. Fl-opinjoni tiegħi, il-PL mhux biss ma kienx responsabbli għas-suċċess li kellna iżda lanqas biss witta l-pedamenti biex dan is-suċċess jibqa’ għaddej fis-snin li ġejjin. Malta jixirqilha gvern li jaħdem qatigħ biex jassigura riżultati kontinwi — mhux gvern li jieħu l-glorja ta’ xogħol bla waqfien li sar minn ħaddieħor qablu.

One clap, two clap, three clap, forty?

By clapping more or less, you can signal to us which stories really stand out.